Għaqda tal-Malti – Università

About

L-Għaqda tal-Malti – Università twaqqfet minn żewġ studenti tal-Mediċina, Rużar Briffa u Ġużè Bonnici, fis-26 ta’ Jannar 1931. Fl-istess sena bdew joħorġu Leħen il-Malti, rivista li għadha toħroġ sal-lum. 

F’dawn l-aħħar xhur l-Għaqda fittxet li tinvesti aktar fi proġetti edukattivi u interdixxiplinarji, speċjalment għaż-żgħażagħ. Uħud mill-punti li ħdimna fuqhom huma: 

  • Programmi ta’ kitba kreattiva: sabiex jiżdied il-qari qabelxejn irid ikun hawn materjal tajjeb għall-qari, u sabiex nagħtu l-kontribut tagħna minn dan il-lat qed naħdmu qatigħ sabiex l-Għaqda tipprovdi korsijiet ta’ kitba kreattiva, bit-tama li ħames jew għaxar snin oħra jkollna kittieba mħarrġa sew. S’issa saru tnejn: Taħżiż (16 – 35 sena), b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ u l-Fondazzjoni AWL, u Inħarrfu l-Ħrejjef (8 – 14-il sena), b’kollaborazzjoni mat-Teatru Salesjan u s-Salesjani Juniors. 
  • Pubblikazzjonijiet: ngħiduha kif inhi, inti u tfittex xogħol, speċjalment tkun għadek ħiereġ mill-Università, ħaġa sabiħa li fuq is-CV ikollok biblijografija. U dan l-Għaqda tifhmu wkoll, tant li tagħti l-opportunità lill-istudenti jkollhom kitbiet fl-istess rivista ma’ akkademiċi stabbiliti. Dan tagħmlu permezz ta’ Leħen il-Malti, li ilha toħroġ sa mis-sena tat-twaqqif tal-Għaqda. Noffru wkoll opportunitajiet oħra; pereżempju l-parteċipanti ta’ Inħarrfu l-Ħrejjef kellhom ktejjeb ippubblikat b’kitbiethom, l-istess dawk ta’ Taħżiż. L-Għaqda bniet ukoll relazzjonijiet tajbin ma’ entitajiet li mhumiex bilfors mill-qasam tal-Malti, minħabba r-relevanza ovvja tal-lingwa f’oqsma diversi. Fl-2013, l-Għaqda rċeviet il-Premju tal-President għall-Kreattività, u llum tgħodd ’il fuq minn 400 membru, bi prospettivi sbieħ għall-futur.
  • Attivitajiet li jippromwovu l-lingwa Maltija fosthom Żanżan Kelma, il-Jum Ewropew tal-Lingwi u l-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus

Membri tal-Kumitat Preżenti

Romario Sciberras: President
Gabriel Lia: Viċi President
Michela Brincat: Segretarja
Marta Cachia: Assistenta Segretarja 
Thea Farrugia: Teżoriera
Diane Cutajar: Assistenta Teżoriera
Sephora Francalanza: Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi
Keith Attard: Assistent Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi
Dr Michael Spagnol (Kap tad-Dipartiment tal-Malti): Membru ex officio