Din kienet il-kwistjoni prinċipali li ħarġet mid-diskussjoni pubblika li saret illum f’Għawdex mal-Ewroparlamentari Roberta Metsola (PPE, MT) u Alfred Sant (S&D, MT), ir-rappreżentant tal-KNŻ għal Għawdex William Vella u l-President tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija Joe Grech, li fiha pparteċipaw żgħażagħ, studenti u ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Waqt li ħafna vuċijiet ilmentaw in-nuqqas t’opportunitaijiet ta’ edukazzjoni, taħriġ, u xogħol f’Għawdex li qed iwasslu għal brain drain, saret enfasi wkoll fuq il-bżonn ta’ bidla tal-mentalità mifruxa f’Għawdex illi minħabba nuqqas ta’ qbil fuq soluzzjonijiet ma jittehdux deċiżjonijiet. William Vella spjega kif “hemm bżonn ta’ vuċi kollettiva u soda fost l-Għawdxin sabiex dan in-nuqqas ta’ qbil ma jibqax iwassal sabiex ma jinstabux soluzzjonijiet għar-realitajiet attwali”.

Għal dan il-għan saret hafna enfasi fuq in-neċessità ta’ kumitat reġjonali Għawdxi. L-Ewroparlamentari Alfred Sant tkellem dwar “l-bżonn li kunsill reġjonali ghal Għawdex jittiehed b’serjeta ikbar u jingħata aktar hsieb u attenzjoni biex l-istrutturi reġjonali f’Għawdex mhux biss jitwaqqfu imma jirrispondu aktar ghall-bżonnijiet taċ-ċittadini Ghawdxin.” Qal dan ukoll fil-kuntest tad-diskussjoni fil-livell ta’ Unjoni Ewropea illi l-gżejjer jibdew jitqiesu differenti mir-reġjuni oħra Ewropej sabiex il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom ikunu indirizzati.

Il-parteċipanti qajmu ukoll il-proposta tar-rikonoxximent ta’ Għawdex bħala reġjun fil-kostituzzjoni Maltija, li sabet l-appoġġ sħiħ tal-Ewroparlamentari Roberta Metsola. L-ewroparlamentari Alfred Sant irrefera għall-eżempju ta’ Malta indipendenti biex jispjega kif ir-reġjonalità hija kwistjoni ta’ governanza li b’kontroll iktar dirett twassal ghal iktar progress.

Matul id-diskussjoni kien hemm qbil dwar il-bżonn ta’ viżjoni ħolistika għal Għawdex għal tul ta’ snin li tiżgura firxa ta’ soluzzjonijiet li jvarjaw minn opportunitajiet għall-istudenti, għall- faċilitazzjoni tal-investiment u l-ħolqien ta’ varjetà ikbar t’impjiegi. Din ġiet meqjusa bħala s-soluzzjoni għal kwistjonijiet li tqajmu, bħal pagi inqas f’Għawdex minn dawk f’Malta, nuqqas t’opportunitajiet f’setturi barra mit-turiżmu, li huwa staġjonali, u li twassal li jkun hemm f’Għawdex wkoll setturi innovattivi bħas-servizzi finanzjarji u fil-blockchain.

“Tajjeb ukoll li l-Għawdex ikun inkluż f’setturi innovattivi bħal blockchain”, emfasizza dan l-Ewroparlamentari Alfred Sant, “madanakollu importanti ħafna illi ma nitraskurawx setturi tradizzjonali bħall-biedja u nindirizzaw għalfejn l-art disponibbli għall-biedja qiegħda tonqos allavolja l-art teżisti.” Semma wkoll proġett ta’ riċerka tal-Unjoni Ewropea li sar fuq talba tal-MPE li qed jesplora l-enerġija rinnovabbli li twassal għall-awtosuffiċjenza fl-energija u ambjent nadif fil-gżejjer, li minnha jista’ jibbenefika wkoll Għawdex.

Tqajmu wkoll kwistjonijiet ta’ diffikultaijiet li jaffaċċjaw l-istudenti Għawdxin, bħal kirjiet bla rażan, transport pubbliku, u nuqqas t’aċċessibilita lejn Malta. Il-parteċipanti kienu wkoll mħeġġa mill-MPE sabiex jagħmlu pressjoni pubblika fuq il-gvern għal bini ta’ residenzi għall-istudenti Għawdxin f’Malta.

Iż-żgħażagħ Għawdxin preżenti saqsew lill-Ewroparlamentari kif jista’ jinżamm il-kuntatt magħhom u kif il-MPE jirrispondu lill-poplu apparti fi żmien l-elezzjoni. Il-MPE għafsu fuq l-importanza tad-djalogu kontinwu u l-involviment dirett tal-Għawdxin fi gruppi tas-soċjeta ċivili. “L-Ewroparlamentari Maltin huma obbligati iżuru t-tlettax-il distrett elettorali”, qalet il-MPE Roberta Metsola, “nistgħu nagħmlu iktar, inkluż li naqsmu l-ħidma parlamentari ahjar sabiex pereżempju jkollna membru Malti fil-Kunsill tal-Iżvilupp Reġjonali, minflok ma nibqgħu konċentrati fuq ftit kumitati.”

Joe Grech għafas fuq l-importanza li ż-zgħażagħ jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej 2019 biex jassiguraw il-futur tagħhom fl-Ewropa illi l-Għawdxin huma parti minnha.

Fil-ftuħ tad-diskussjoni, l-Aġent Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Anna Zammit Vella qalet illi kwasi 40% taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin bejn it-18 u l-24 sena ma vvutawx fl-elezzjonijiet Ewropej fl-2014.

L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta

Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ

Follow Us Social networks